Il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi finanzjament għal proġetti li jkollhom x'jaqsmu mal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni soċjali permezz tal-programmi li ġejjin.
Fond Soċjali Ewropew + (FSE+)
Il-FSE+ jiffinanzja proġetti li jgħinu lin-nies itejbu l-ħiliet tax-xogħol tagħhom u l-prospetti tal-impjiegi. Biex japplikaw, l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati għandhom jikkuntattjaw l-awtoritajiet tal-immaniġġjar tal-FSE+ f'pajjiżhom. Il-Kummissjoni Ewropea tiddetta l-prijoritajiet ta' finanzjament iżda ma tkunx direttament involuta fl-għażla tal-proġetti.
Aktar dwar il-FSE+
Il-FSE+ f’pajjiżek
Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG)
Il-FEG jgħin lill-ħaddiema li tilfu xogħolhom minħabba bidliet fit-tendenzi tal-kummerċ globali biex isibu impjieg ieħor kemm jista' jkun malajr. L-individwi jew kumpaniji affettwati mis-sensja u li jixtiequ japplikaw għall-finanzjament għandhom jikkuntattjaw l-awtorità nazzjonali tagħhom.
Finanzjament 2021-2017
Il-Kummissjoni pproponiet Fond Soċjali Ewropew (FSE+) aktar sempliċi u aktar integrat u Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) rivedut. Huma parti mill-proposti tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027 adottat fit-2 ta’ Mejju 2018. Bħalissa l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE qegħdin jiddiskutu dawn il-proposti.
Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI)
Il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) hu strument ta’ finanzjament fil-livell Ewropew immaniġġjat direttament mill-Kummissjoni Ewropea biex jappoġġja l-impjiegi, il-politika soċjali u l-mobbiltà tax-xogħol fl-UE kollha. Biex japplikaw għall-fondi, l-organizzazzjonijiet eliġibbli għandhom iwieġbu għal tenders u/jew għal sejħa għal proposti.
Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)
Il-FEAD jappoġġja l-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE biex jipprovdu assistenza materjali lill-persuni l-aktar fil-bżonn. L-awtoritajiet nazzjonali jagħżlu l-organizzazzjonijiet sħab li jagħtu l-għajnuna, abbażi tal-programmi nazzjonali għall-2014-2020 approvati mill-Kummissjoni.
Prerogattivi: djalogu soċjali u kompetenzi speċifiċi oħrajn
Il-Kummissjoni tappoġġja proġetti fil-qasam tad-djalogu soċjali u r-relazzjonijiet industrijali, li huma parti mill-“Prerogattivi” tal-Kummissjoni, jiġifieri kompiti li jirriżultaw minn setgħat speċifiċi mogħtija direttament mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Il-Kummissjoni timplimenta tali prerogattivi permezz ta’ offerti u sejħiet għal proposti speċifiċi fl-oqsma li ġejjin:
- Il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti
- Il-politika soċjali, inkluż id-djalogu soċjali, l-appoġġ ta’ azzjonijiet imwettqin mis-sħab soċjali Ewropej biex jippromwovu d-djalogu soċjali u jaqblu dwar azzjonijiet konġunti, inklużi l-bini tal-kapaċità u attivitajiet analitiċi fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali
- L-analiżi u l-istudji dwar is-sitwazzjoni soċjali, id-demografiji u l-familja biex jiġu promossi reazzjonijiet politiċi aħjar fl-Istati Membri
- Il-miżuri ta’ informazzjoni u t-taħriġ għall-organizzazzjoni tal-ħaddiema, skambju transnazzjonali ta’ informazzjoni u prattiki tajba fi kwistjonijiet rilevanti għad-djalogu soċjali fil-livell tal-kumpaniji.
Il-programmi ta’ ħidma annwali tal-Prerogativi huma disponibbli online.