Tixtieq tirċievi l-kura fi Stat Ewropew ieħor u tixtieq tkun taf jekk humiex se jitħallsu l-ispejjeż. Biex issir taf jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet, trid tikkunsidra l-mistoqsijiet li ġejjin:
F’liema pajjiż għandek assigurazzjoni tas-saħħa?
Ir-regoli spjegati hawnhekk japplikaw jekk inti kopert minn skema ta’ sigurtà soċjali statutorja fi Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew l-Iżvizzera (ħlief għal kura mingħajr awtorizzazzjoni fil-każ tal-Iżvizzera) jew r-Renju Unit.
Fejn qed tippjana li tieħu l-kura?
Ir-regoli spjegati hawnhekk japplikaw għal kura riċevuta fi Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew l-Iżvizzera (ħlief għal trattament mingħajr awtorizzazzjoni fil-każ tal-Iżvizzera) jew ir-Renju Unit.
Din il-kura mhix prevista?
Jekk hu hekk, din hi koperta mill-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Jekk ikollok bżonn mhux mistenni ta’ kura waqt li tkun qed tivvjaġġa fi Stat Membru taż-ŻEE, l-Iżvizzera jew ir-Renju Unit (jiġifieri, il-kura ma kinetx l-iskop tal-vjaġġ tiegħek), il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tiżgura li l-ispiża tal-kura tiegħek tkun koperta. Il-benefiċċji koperti jinkludu, pereżempju, benefiċċji pprovduti fir-rigward ta’ mard kroniku jew eżistenti kif ukoll fir-rigward ta’ tqala u ħlas.
Din il-kura hi koperta mil-leġiżlazzjoni tal-istat fejn għandek l-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek?
Fil-prinċipju, l-ispejjeż tal-kura tiegħek ikunu koperti biss jekk il-liġi tal-Istat fejn inti assigurat tirrikonoxxi l-kura. Pereżempju, l-ispiża ta' kura fi spa hija koperta f'xi pajjiżi iżda mhux oħrajn. Skopri mill-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tiegħek qabel tivvjaġġa.
Din hi kura fl-isptar?
Bħalissa m'hemm l-ebda definizzjoni Ewropea għal "kura fl-isptar" jew "kura mhux fl-isptar". Jekk tiġi f'dubju, ivverifika mal-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek.
Jekk din ma tkunx kura mhux prevista, jiġifieri l-kura ikkonċernata hija ppjanata u hi r-raġuni tiegħek biex tivvjaġġa barra mill-pajjiż, hemm żewġ xenarji possibbli: kura fi sptar u kura mhux fi sptar.
Fil-każ ta’ kura fl-isptar, l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek kważi dejjem se teżiġilek li titlob għall-awtorizzazzjoni minn qabel. L-ispiża mbagħad se tkun koperta skont it-termini tal-pajjiż fejn tirċievi l-kura (il-pajjiż fejn tingħata l-kura). Jekk dawk it-termini huma inqas favorevoli mit-termini offruti mill-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek stess, id-differenza titħallas lura lilek. Jekk ma tkunx irċevejt awtorizzazzjoni, allura l-ispejjeż tal-kura tiegħek ma jkunux koperti awtomatikament. Xorta tista’ titlob rimborż meta tirritorna, iżda ma hemmx garanziji li t-talba tiegħek se tiġi aċċettata.
Fil-każ ta’ kura mhux fl-isptar, int tista’ wkoll titlob awtorizzazzjoni qabel titlaq, u mbagħad tibbenefika mill-istess garanziji. Tista’ wkoll ma titlobx awtorizzazzjoni u tivvjaġġa direttament lejn il-pajjiż fejn tixtieq tirċievi l-kura (il-pajjiż fejn tingħata l-kura) u titlob rimborż meta tirritorna. L-ispiża tal-kura tiegħek imbagħad tkun koperta skont it-termini tal-Istat fejn l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek tkun ibbażata. Jekk jogħġbok innota li din l-opzjoni mhijiex rikonoxxuta fil-każ tal-Iżvizzera.
Jekk tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet u tixtieq tikseb formola S2, jew jekk tixtieq tikseb aktar informazzjoni, aqra aktar dwar il-kura tas-saħħa ppjanata fuq Your Europe jew ikkuntattja l-istituzzjoni tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek.
Għandek bżonn aktar għajnuna?
Għadek ma sibtx l-informazzjoni li qed tfittex?
Skopri dwar is-sigurtà soċjali tiegħek u d-drittijiet tiegħek għall-kura tas-saħħa f’pajjiż ieħor tal-UE (Your Europe)
Ibgħat mistqosija permezz ta’ Europe Direct 00800 6 7 8 9 10 11
Solvi l-problemi ma’ amministrazzjoni nazzjonali (SOLVIT)
Ikseb parir legali minn Your Europe - Is-Servizz ta’ Konsulenza