L-Unjoni Ewropea tappoġġja u tikkumplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri fl-oqsma tal-inklużjoni soċjali u tal-protezzjoni soċjali.
Dawn l-azzjonijiet jinkludu firxa wiesgħa ta’ politiki għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, għall-immodernizzar tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, u għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali ta’ gruppi speċifiċi, inklużi t-tfal, il-persuni b’diżabbiltà, u dawk mingħajr dar.
Il-qafas strateġiku
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi 20 prinċipju u dritt fundamentali li huma essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi tal-protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb. Il-Pilastru jirrappreżenta l-boxxla li tiggwida lill-UE lejn Ewropa soċjali b’saħħitha li tkun ġusta, inklużiva, u mimlija opportunitajiet fis-seklu 21.
It-tielet kapitlu tal-Pilastru jkopri l-prinċipji l-aktar rilevanti għall-protezzjoni u inklużjoni soċjali.
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali - Pjan ta’ Azzjoni
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa maħsub biex jibdel il-prinċipji tal-Pilastru f’azzjonijiet konkreti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.
Il-Pjan ta’ Azzjoni ppropona tliet miri għall-2030 fl-oqsma tax-xogħol, tal-edukazzjoni għall-adulti, u tal-faqar, b’mod li bena fuq l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli, u inklużiv. Il-mira tal-faqar tal-2030 għandha l-għan li, sal-2030, tnaqqas l-għadd ta’ nies li jkunu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali b’mill-inqas 15-il miljun, li minnhom mill-inqas 5 miljuni jkunu tfal.
Fl-impenn soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-President tal-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru Portugiż, li dak iż-żmien kellu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, is-sħab soċjali Ewropej, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili impenjaw ruħhom flimkien favur it-tliet miri ewlenin tal-2030. Il-miri ntlaqgħu tajjeb ukoll mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2021.
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ħabbar ukoll għadd ta’ inizjattivi biex tiġi sostnuta l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru.
Fil-qasam tal-protezzjoni u inklużjoni soċjali, l-inizjattivi rilevanti jinkludu:
- Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal
- Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura l-inklużjoni attiva
- Il-Pjattaforma Ewropea dwar il-Ġlieda kontra l-Problema tal-Persuni mingħajr Dar
- Ir-rapport tal-UE dwar l-aċċess għal servizzi essenzjali
- Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kura fit-tul
- Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli biex jistudja l-futur tal-istat soċjali
- Il-Gwida dwar l-użu tal-valutazzjoni tal-impatt distributtiva ex ante
Il-monitoraġġ u l-koordinazzjoni tal-politiki
It-tabella ta’ valutazzjoni soċjali
Biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-Pilastru, fil-bidu tal-2021 il-Kummissjoni Ewropea ressqet tabella ta’ valutazzjoni soċjali aġġornata li ġiet approvata mill-Ministri tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali tal-Unjoni Ewropea f’Ġunju 2021.
It-tabella ta’ valutazzjoni soċjali tirrifletti l-istruttura tal-Pilastru u fiha sett speċifiku ta’ indikaturi fil-qasam tal-inklużjoni u protezzjoni soċjali. L-indikaturi ewlenin jinkludu l-għadd ta’ persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali – l-indikatur użat għall-mira tal-faqar tal-2030.
Is-Semestru Ewropew
Is-Semestru Ewropew huwa qafas stabbilit sew għall-koordinazzjoni tar-riformi u l-investimenti fl-oqsma tal-ekonomija, tax-xogħol, u soċjali. Mill-2018 ’l hawn, il-prinċipji tal-Pilastru ġew integrati fiċ-ċiklu kollu tas-Semestru Ewropew
Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi u r-rapporti tal-pajjiżi fihom analiżi speċifika tas-sitwazzjoni soċjali fl-UE u fl-Istati Membri. L-isfidi nazzjonali u s-soluzzjonijiet proposti fil-qafas tal-politiki soċjali huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.
Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali
Il-Kummissjoni taħdem flimkien ma’ pajjiżi tal-UE permezz tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali bl-użu tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fl-oqsma tal-inklużjoni soċjali, tas-servizzi tas-saħħa u l-kura fit-tul, u tal-pensjonijiet (MMK fil-qasam soċjali).
Il-MMK fil-qasam soċjali hu proċess volontarju għall-kooperazzjoni politika bbażata fuq id-definizzjoni ta’ għanijiet komuni u fuq il-kejl tal-progress biex jintlaħqu dawk l-għanijiet bl-użu ta’ indikaturi komuni. Il-proċess jinvolvi wkoll kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili.
Il-finanzjament
L-implimentazzjoni tar-riformi tal-politiki hija sostnuta mill-Fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), u mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.