Flimkien għal kultura, divertiment u sports inklużivi - Il-Kummissjoni Ewropea
Mur għall-kontenut ewlieni
Employment, Social Affairs and Inclusion
  • 15 Jannar 2024

Flimkien għal kultura, divertiment u sports inklużivi

Sport inklużiv jisfida preġudizzji dejjiema dwar id-diżabilità. Permezz ta’ arti u kultura inklużivi, persuni b’diżabilità jieħdu l-post li jixraqilhom bħal ħallieqa u konsumaturi tal-kultura li tifforma s-soċjetà tagħna. Aċċess għal kultura u għad-divertiment hu vitali għall-benesseri tagħna u permezz tiegħu, ħafna minna jkun jista’ jkollhom rwol sħiħ fil-komunità lokali tagħna. Minkejja dan, wisq ta’ spiss, persuni b’diżabilità jitħallew barra minn dawn l-oqsma tas-soċjetà minħabba infrastruttura li mhix addattata għall-bżonnijiet tagħhom L-Istrateġija ta’ għaxar snin għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità tal-Kummissjoni Ewropea qiegħda hawn biex tbiddel l-affarijiet. Flimkien nistgħu ngħinu biex nassikuraw li kulħadd ikun ħieles biex jagħmel l-istess għażliet.

Il-verżjoni Faċli biex tinqara ta’ dan it-test hi disponibbli hawn.

Id-dritt li ngħixu l-passjoni tagħna

Irridu nkunu nistgħu ngħixu l-passjoni tagħna mingħajr ma nkunu definiti b’xi diżabilità. It-teenager b’diffikultajiet ta’ tagħlim li jħobb jiżfen, il-veteran tal-armata u l-amputat li jrid imur lura lejn iċ-ċikliżmu kompetittiv jew il-mara b’paraliżi ċelebrali li trid issir kummidjanta: dawn in-nies kollha għandhom id-dritt li jaċċessaw it-taħriġ u appoġġ li għandhom bżonn biex jaraw li l-ħolm tagħhom iseħħ. Permezz tal-Istrateġija, il-Kummissjoni Ewropea u l-istati membri tal-UE impenjaw ruħhom għal serjè ta’ azzjonijiet biex jagħmluha iktar faċli għal persuni b’diżabilità biex jivvjaġġaw għal divertiment u jaċċessaw attivitajiet tal-isports u tal-kultura fl-UE kollha.

Dawn jinkludu:

  • Promozzjoni tax-xogħol ta’ artisti b’diżabilità.
  • Nagħmlu s-siti tal-wirt kulturali aċċessibbli bi flus minn programmi tal-UE bħal Ewropa Kreattiva.
  • Nindirizzaw l-istereotipi fil-media u fil-film, bl-għajnuna tal-liġi tal-UE eżistenti dwar id-diskriminazzjoni u d-dinjità.
  • Nippromwovu turiżmu aċċessibbli permezz ta’ inizjattivi bħall-Premjijiet għal Kapitali Ewropea għat-Turiżmu Intelliġenti.
  • Naħdmu ma’ organizzazzjonijiet tal-isports biex l-isports isir iktar inklużiv.

Hu importanti li persuni b’diżabilità mhux biss ikunu jistgħu jaċċessaw il-postijiet kulturali u tad-divertiment imma li jkunu wkoll ħielsa li jagħżlu u jieħdu sehem fl-attività li jħobbu u li fiha jkunu jistgħu jeċċellaw.