Kull ċittadin tal-UE għandu l-istess dritt li jaħdem f'pajjiż ieħor tal-UE daqs iċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż:
- bl-istess kundizzjonijiet u
- mingħajr ma jkollu bżonn japplika għal permess tax-xogħol.
Ma jistax ikun hemm restrizzjonijiet - limiti kwantitattivi jew kriterji ta' reklutaġġ diskriminatorju - fir-reklutaġġ ta' ċittadini minn pajjiżi oħra tal-UE.
Eċċezzjonijiet
- Ħiliet lingwistiċi - ċandidati għal impjieg minn pajjiżi oħra tal-UE jistgħu jiġu mitluba juru li għandhom il-ħiliet lingwistiċi meħtieġa għall-impjieg, iżda l-livell tal-lingwa meħtieġ għandu jkun raġonevoli u neċessarju għal dak l-impjieg. Min iħaddem ma jistax jitlob kwalifika speċifika biss bħala prova.
Kundizzjonijiet tax-xogħol
Ċittadin tal-UE li qed jaħdem f'pajjiż ieħor tal-UE għandu jkun ittrattat bl-istess mod eżatt bħall-kollegi tiegħu li huma ċittadini ta' dak il-pajjiż rigward:
- il-kondizzjonijiet tax-xogħol (ngħidu aħna, is-salarju, it-tkeċċija u r-ristabbilment);
- l-aċċess għat-taħriġ.
Vantaġġi soċjali u ta' tassazzjoni
- Min qed ifittex ix-xogħol - kull benefiċċju fi flus li għandu l-għan li jgħin lin-nies ifittxu x-xogħol għandu jingħata wkoll lil dawk li qed ifittxu x-xogħol li ġejjin minn pajjiżi oħra tal-UE sakemm dawn għandhom rabta ġenwina mas-suq tax-xogħol lokali, pereżempju ilhom ifittxu x-xogħol hemm għal perjodu ta' żmien raġonevoli.
- Il-ħaddiema minn pajjiżi oħra tal-UE għandhom id-dritt għall-istess vantaġġi soċjali u ta' tassazzjoni bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż. Dawn jistgħu jinkludu tnaqqis fit-tariffi fuq it-trasport pubbliku għal familji kbar, benefiċċji għat-tfal u ħlasijiet ta' għajxien minimi.
- Ħaddiema transkonfinali (dawk li jaqsmu fruntiera nazzjonali biex imorru x-xogħol u jerġgħu lura d-dar tal-inqas kull ġimgħa) igawdu mill-istess benefiċċji bħal kull ħaddiem ieħor fil-pajjiż fejn jaħdmu. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li ma jistax ikun impost il-ħtieġa ta' residenza, il-ħaddiema transkonfinali xi kultant għandhom jiltaqgħu ma' problemi speċifiċi meta jitolbu vantaġġi soċjali billi dawn għadhom marbuta mar-residenza.
Sportivi
Sportivi professjonali jew semi-professjonali huma koperti mill-istess regoli tal-UE: jistgħu jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE fuq l-istess bażi ta' ċittadini ta' dak il-pajjiż.