L-ALMA - li tfisser “Aspira, Tgħallem, Aħkem, Ikseb” - hija inizjattiva tal-UE, li għandha l-għan li tappoġġja liż-żgħażagħ li mhuma fl-ebda tip ta’ impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs).
L-għan huwa li ż-żgħażagħ l-aktar żvantaġġati (ta’ bejn 18 u 29 sena) jiġu megħjuna jintegraw fis-soċjetà billi jiksbu aċċess għax-xogħol jew għat-taħriġ.
Tipikament dawn huma persuni li huma vulnerabbli fir-rigward tal-possibbiltajiet tagħhom li jaċċessaw xogħol jew taħriġ għal raġunijiet individwali jew strutturali (eż. diżabbiltà, qgħad fit-tul, kwalifiki/ħiliet insuffiċjenti, sfond ta’ migrazzjoni).
Din l-inizjattiva toffri lill-parteċipanti:
- Taħriġ intensiv imfassal apposta f’pajjiżhom (fażi preparatorja)
- Esperjenza prrofessjonali sorveljata b’servizzi ta’ mentoring li jakkumpanjawhom għal perjodu ta’ bejn xahrejn u 6 xhur f’pajjiż ieħor tal-UE (fażi ta' mobbiltà)
- Mar-ritorn tagħhom, l-appoġġ kontinwu se jiggwidahom fl-użu tal-ħiliet li jkunu għadhom kif inkisbu biex jiksbu impjieg jew edukazzjoni ulterjuri f’pajjiżhom (fażi ta’ segwitu)
Xi spejjeż jiġu koperti?
L-ALMA tkopri l-kostijiet għall-parteċipanti, bħal:
- ivvjaġġar
- assigurazzjoni
- sigurtà soċjali
- ħtiġijiet bażiċi bħall-ikel u l-akkomodazzjoni
- ikkowċjar u konsulenza qabel, matul u wara s-soġġorn barra mill-pajjiż
Iż-żgħażagħ jistgħu japplikaw direttament?
L-individwi ma jistgħux japplikaw direttament għal għotja.
Peress li l-ALMA bħalissa qed tiġi implimentata taħt il-programmi nazzjonali u reġjonali tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), l-organizzazzjonijiet kofinanzjati minn dawn il-programmi huma dawk li jidentifikaw il-parteċipanti.
Kif jistgħu l-organizzazzjonijiet jinvolvu ruħhom fl-ALMA?
Jekk int organizzazzjoni pubblika jew privata, int ibbażat fi Stat Membru tal-UE u tixtieq tinvolvi ruħek fl-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-awtorità maniġerjali tal-FSE+ f’pajjiżek u/jew fir-reġjun tiegħek.
Eżempji jinkludu organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, NGOs, awtoritajiet lokali, ċentri tal-impjiegi, skejjel, fornituri tal-edukazzjoni/taħriġ vokazzjonali.
Għal aktar informazzjoni, ikkuntattja lil EMPL-ALMAec [dot] europa [dot] eu (EMPL-ALMA[at]ec[dot]europa[dot]eu) u ċċekkja l-manwal ta’ gwida għall-ALMA.
Sfond
“Aspira, Tgħallem, Aħkem, Ikseb”, l-ALMA għandha l-għan li tippromwovi l-inklużjoni u l-impjiegi għall-parteċipanti f’pajjiżhom billi jtejbu l-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza tagħhom u li tingħatalhom l-opportunità biex joħolqu konnessjonijiet ġodda fl-Ewropa kollha.
Hi tiġi implimentata mill-pajjiżi tal-UE u appoġġjata mill-Kummissjoni Ewropea fil-livell tal-UE.
L-ALMA qiegħda tibni fuq inizjattiva ta’ inklużjoni soċjali implimentata mill-Ġermanja mill-2008 (IdA, Integration durch Austausch), li fl-2012 għaddiet f'idejn network transnazzjonali appoġġjat mill-FSE ta’ 15-il pajjiż tal-UE (TLN Mobility Network), u mbagħad mill-2015 permezz ta’ sejħa transnazzjonali fil-kuntest tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE+).
Lejn l-aħħar tal-2022 tnediet sejħa pilota (baġit indikattiv ta’ €15-il miljun) biex tgħin lill-pajjiżi tal-UE jintegraw l-ALMA fil-programmi tal-FSE+ tagħhom, billi jippilotaw jew iżidu tip ta’ attività bħall-ALMA.
Kuntest politiku
B’din l-inizjattiva, il-Kummissjoni tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha għall-inizjattivi li ġejjin:
L-ALMA tikkomplementa l-programmi eżistenti li jappoġġjaw il-mobbiltà taż-żgħażagħ bħal: