Postijiet miżmuma għaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż
Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jżommu ċerti postijiet fis-settur pubbliku għal ċittadini tagħhom. Din hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali tal-moviment ħieles tal-ħaddiema u għalhekk għandha tkun interpretata b'mod restrittiv.
- Dawk il-positijiet biss li jinvolvu partiċipazzjoni diretta jew indiretta fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u ħidma mfassla biex tissalvagwardja l-interess ġenerali tal-istat jistgħu jkunu riżervati għaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż.
- Dawn il-kriterji jridu jkunu valutati każ b'każ, skont il-kompiti u r-responsabbilitajiet koperti mill-post.
Reklutaġġ u kondizzjonijiet tax-xogħol
Għal postijiet oħra li mhumiex riżervati għaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż, ċittadini ta' pajjiżi oħra tal-UE għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod bħal dawk tal-pajjiż fir-rigward ta':
- l-aċċess għall-postijiet, pereżempju proċeduri ta' reklutaġġ
- kondizzjonijiet tax-xogħol, bħas-salarju u l-grad.
- rikonoxximent tal-esperjenza professjonali u l-anzjanità
Meta persuni minn pajjiżi oħra tal-UE japplikaw għal postijiet fis-servizz pubbliku, jista' jsibu diffikultajiet biex l-esperjenza professjonali u l-anzjanità tagħhom jiġu rikonoxxuti f'pajjiżi oħra tal-UE. Madankollu:
- l-amministraturi fis-settur pubbliku għandhom jikkunsidraw perjodi ta' xogħol komparabbli li sar f'pajjiż ieħor tal-UE - kemm għar-reklutaġġ kif ukoll biex jiġi deċiż is-salarju, il-grad u l-kondizzjonijiet tax-xogħol
- dan il-perjodu ta' żmien għandu jittieħed f'konsiderazzjoni bl-istess mod bħall-esperjenza professjonali u l-anzjanità fil-pajjiż li jilqa'.