Mur għall-kontenut ewlieni
Employment, Social Affairs and Inclusion

X’inhu l-ESSPASS?

F’Marzu 2021, fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni ħabbret il-bidu ta’ proġett pilota biex sal-2023 tesplora t-tnedija ta’ soluzzjoni diġitali biex tiffaċilita l-interazzjoni bejn iċ-ċittadini mobbli u l-awtoritajiet nazzjonali u ttejjeb il-portabbiltà tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali minn naħa għal oħra tal-fruntieri (il-Pass Ewropew tas-Sigurtà Soċjali, ESSPASS). L-ESSPASS jenħtieġ li jiffaċilita l-mobbiltà transfruntiera permezz tad-diġitalizzazzjoni tal-verifika tal-kopertura u l-intitolamenti tas-sigurtà soċjali taċ-ċittadini mobbli mill-istituzzjonijiet kompetenti u atturi oħra.

L-ewwel fażi ffokat fuq il-verifika diġitali transfruntiera tal-validità u l-awtentiċità tad-Dokument Portabbli A1. Dan id-Dokument Portabbli jindika l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għad-detentur u jintuża, pereżempju, meta persuna tintbagħat taħdem temporanjament fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn tkun assigurata. Dan jiżgura li jiġi evitat il-ħlas doppju tal-kontribuzzjonijiet, peress li juri li l-kontribuzzjonijiet soċjali jitħallsu f’pajjiż ieħor tal-UE. Ir-riżultati tal-ewwel fażi juru kif l-ESSPASS jista’ jgħin biex jissimplifika l-ħajja taċ-ċittadini mobbli u tan-negozji li jipprovdu servizzi barra mill-pajjiż, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, billi jissimplifika l-proċeduri u jnaqqas il-piżijiet amministrattivi.

B’segwitu għal din l-ewwel fażi, żewġ konsorzji ta’ istituzzjonijiet tal-Istati Membri qed ikomplu jippilotaw il-ħruġ u l-verifika tad-Dokument Portabbli A1 u l-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa, li jirċievu appoġġ finanzjarju mill-Programm Ewropa Diġitali. Dan il-pilotaġġ beda f’nofs l-2023 għal perjodu ta’ sentejn.

Min hu involut?

Il-pilotaġġ ulterjuri jitwettaq minn istituzzjonijiet li ġejjin minn 12-il pajjiż (AT, BE, CZ, DK, DE, IE, IT, NL, PL, PT, ES, SE) li huma parti miż-żewġ konsorzji ffinanzjati taħt il-Programm Ewropa Diġitali.

Diġà hemm skambju elettroniku ta’ informazzjoni fil-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (permezz tas-sistema EESSI), għaliex huwa meħtieġ l-ESSPASS?

L-EESSI hija sistema ta’ skambju ta’ messaġġi li tippermetti skambju sigur u rapidu ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet (eż. biex jiġu kkalkulati l-intitolamenti tal-pensjoni ta’ xi ħadd li ħadem f’diversi Stati Membri matul il-karriera tiegħu). L-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali biss għandhom aċċess għas-sistema EESSI. Il-proġett pilota ESSPASS jesplora t-triq biex jikkomplementa l-EESSI billi jiffaċilita l-interazzjonijiet bejn iċ-ċittadini mobbli u l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u atturi oħra għal skopijiet ta’ sigurtà soċjali (eż. spetturi tax-xogħol jew fornituri tal-kura tas-saħħa), filwaqt li jagħmel possibbli l-verifika f’ħin reali tal-kopertura tas-sigurtà soċjali u l-intitolamenti, inkluż minn dawk l-atturi li ma għandhomx aċċess għas-sistema EESSI.

L-ESSPASS se jagħmel użu mill-kartieri Ewropej proposti tal-identità diġitali?

Fit-3 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta għal qafas ta’ Identità Diġitali Ewropea (EUDI). L-inizjattiva tirrevedi l-qafas legali transfruntier eżistenti għal identitajiet diġitali fdati (ir-Regolament Ewropew dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji (eIDAS)). Fid-29 ta’ Ġunju 2023 intlaħaq ftehim politiku mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Ir-Regolament x’aktarx se jidħol fis-seħħ fit-tieni nofs tal-2023.

B’kartieri tal-identità diġitali armonizzati tal-UE (bħala parti mill-qafas il-ġdid tal-EUDI), iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jaħżnu u jikkondividu data u dokumenti/kredenzjali diġitali għal kull tip ta’ servizz fuq bażi volontarja (eż. liċenzja tas-sewqan, riċetti mediċi jew kwalifiki edukattivi). Il-proġett pilota ESSPASS qed jesplora l-modi kif jista’ jsir użu minn dan il-qafas u mill-kartiera tal-identità diġitali Ewropea.

Il-Kummissjoni kif se tiżgura li d-data personali tkun sikura u li r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data jiġu applikati b’mod strett?

Kwalunkwe inizjattiva ġdida se jkollha tikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, u r-regoli tas-sigurtà. Soluzzjoni futura possibbli tal-ESSPASS li tippermetti l-verifika tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali taċ-ċittadini mobbli u tal-ħaddiema barra mill-pajjiż jeħtieġ li tikkonforma ma’ dawn ir-regoli u jeħtieġ ukoll li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u tkun inklużiva għall-persuni kollha – speċjalment dawk b’diżabilità, persuni akbar fl-età, u dawk neqsin mill-ħiliet diġitali.

X’inhi r-rabta mal-Gateway Diġitali Unika (SDG)?

Ir-Regolament dwar l-SDG introduċa l-obbligu li l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli proċeduri amministrattivi ewlenin kompletament online mit-12 ta’ Diċembru 2023. Waħda minn dawn il-proċeduri hija t-talba għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli (li l-output tagħha huwa d-Dokument Portabbli A1) u eżempju ieħor huwa t-talba ta’ Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa.

Dan ifisser li talbiet bħal dawn – kif ukoll ir-rispons (output) għal dawn it-talbiet (il-PD A1 u l-EHIC) – għandhom ikunu disponibbli għaċ-ċittadini online.

Il-proġett pilota ESSPASS jikkomplementa dan billi jesplora modi li bihom il-verifika tal-awtentiċità u l-validità ta’ tali dokumenti (elettroniċi) tista’ ssir f’sitwazzjonijiet transfruntiera.

L-ESSPASS jaffettwa r-regoli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jew ir-reviżjoni tagħhom li għaddejja bħalissa?

Il-proġett pilota ESSPASS qed jesplora kif jistgħu jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; ma għandux l-għan li jbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni materjali jew personali tar-regoli ta’ koordinazzjoni. L-iskambji attwali bbażati fuq il-karti bejn persuni/negozji u amministrazzjonijiet mobbli, fornituri tal-kura tas-saħħa jew spetturi tax-xogħol jiġu sostitwiti kemm jista’ jkun b’mezzi elettroniċi.